Tidħkux bis-Satira (1)

Sena ilu kont fl-udjenza għall-aħħar serata ta’ Bla Kondixin. Biex inkun onest magħkom ilkoll, mort biex nagħmel korteżija lil min għamilli korteżija u tani biljett. Din tal-korteżija tgħidx kemm rajtha mażżra. Xebbahtha ma’ kanna oħra li ninzerta spiss, it-tiġijiet. Trid tonfoq biljett għal min qed jakkumpanjak u trid tixtri xi ħaġa biex titrejjaq. Trid tpoġġi fejn jitfgħuk. Trid iċċapċap biex ma jeħdukx bi stramb jew b’Nazzjonalist (ġej għal dan il-punt dalwaqt) u trid tagħti l-prosit lil min tak il-biljett. Għax korteżija.

Dil-kwistjoni tal-korteżija sibtha ma’ wiċċi ftit jiem wara li ktibt reċensjoni li fl-aħħar iddeċidejt li ma noħroġhiex għax min stedinni kien iċempel biex jgħidli ż-żobb kemm int nies! U kien ikollu raġun, bħal dawk kollha ta’ qablu. Dakinhar l-awtoċensura għamlet iktar sens mill-istint tiegħi u ma ppublikajthiex.

Ħa nniżżel xi siltiet hawn isfel, madankollu, u peress li Bla Kondixin dalwaqt jibda forsi jinbigħu ftit aktar biljetti.

“Ma nafx liema udjenza ħadet l-aktar gost bl-ispettaklu ta’ Bla Kondixin. Fiż-żmien niftakar gzuz minn sħabi, sintendi universitarji Nazzjonalisti, jagħmlu ħilithom fil-kju (ħafna minnhom b’ilsienhom barra u b’togħma ta’ warrani sufi fuq il-ponta) sabiex jipparteċipaw, imqar linja ċkejkna dwar (jew kontra) Fredu Sant. Jidher li r-riħ, jekk mhux il-gvern, inbidel sew; iżda l-mistoqsija tiġi weħidha: kemm għandha titqies b’saħħitha s-satira ta’ Bla Kondixin (anke għax naf li mhux kull min daħħakna b’Gonzi ser jivvota kontrih).”

“…għaliex ejja ngħiduha kif inhi, jekk issegwi ftit is-satira Taljana (insew Striscia La Notizia, programm fuq l-istazzjon ta’ Berlusconi li huwa orkestrat fin fin mill-Mediaset) tinduna kemm għad fadlilna x’nieklu bajd u ġobon meta tara ftit ix-xogħol ta’ Guzzanti, sa ċertu punt BenigniGrillo, fiż-żmien anke Paolo Rossi,Guzzanti (Sabina)Dandini…”


Li Bla Kondixin jassumi li l-battuta hija faċli tista’ tinnutah mill-udjenza stess, għalkemm nixtieq li din il-kritika jaqrawha aktar il-kittieba. Għaliex dħakna darba, darbtejn, tlieta u, jekk m’hemmx aħjar, anke r-raba’ darba għal battuta dwar il-kontijiet tad-dawl u l-ilma… F’serata ma smajtx ħlief ċajt dwar il-kontijiet, dwar l-għargħar, il-mustaċċi tal-Labour, Pawlu Borg Olivier, il-kaxxa ta’ Malta, u l-Power Station. Possibbli, minn pajjiż daqshekk imnellaħ, kapaċi nagħmlu ironija biss fuq ħames punti? … allura, kif ma ssemmietx is-seftura ta’ Tonio Fenech?”
Bla Kondixin issellef xi elementi tal-komiċità Taljana, iżda ħa biss l-aktar elementi bażiċi: il-preżentatur imxekkel f’xogħlu minn atturi/kummidjanti li jgħajtu aktar min-normal u li jiġġestikolaw b’mod ħafna drabi eżaġerat, jitfaċċa r-rwol tal-katatterist li qed imexxi minn għonqu preżentatur ċaflangu iddominat mill-konfużjoni apparenti ta’ madwaru (ColoradoZelig huma eżempji ċarissimi fejn il-preżentatur għandu limitu fuq il-battuti).”

“… u xi botta ċkejkna dwar il-Knisja u l-abbużi sesswali? Le, aħjar le, aħna rridu ndaħħku l-popolin mhux nirritaw il-kbarat. Is-satira mħallta bl-ilma ma tolqotnix…”

“…erba’ Teletubbies jisimhom Ġorġ, Giovanna, Tonio u Austin ma tantx iċarrtuli ħalqi, dan donnu ċajt tal-coffee mornings li nisimgħu m’għand Joe Demicoli ta’ Kemmuna Airways. U, ma nafx kif, disgħin fil-mija tal-karattri li jdaħħku ġejjin minn estrazzjoni soċjali baxxa jew fqira. Bħal dak li qallu li m’hawnx nies sinjuri li huma ridikoli, u mhux qed nirreferi għan-nouveau riche. Fil-verità, il-faqar u l-ħamallaġni mhumiex tad-daħk, imma f’pajjiż fejn il-ħmar iwaħħal f’denbu dan huwa mekkaniżmu li nfittxu biex nidħku bil-klassijiet l-oħra flok bina nfusna.”

“…Bla Kondixin kuntent jagħmel sforz biex idaħħak il-massa mingħajr ma jniggżilha l-kuxjenza, jistimolaha biex taħseb dwar dak li hemm madwarha, jagħmilha aktar intelliġent; u minflok sempliċiment togħxa għall-għaxar ċajta fuq it-tender ta’ Delimara, tistaqsi ruħha għala kulma qed tipproponi l-politika Maltija huwa tant faċli biex tirredikolah. Forsi għax min imexxina minn imneħirna (u min taparsi jikkontradixxih) mhuwiex ragħaj, imma nagħġa li ħarbet mill-merħla.”

M’huwiex diffiċli wisq biex tinduna illi ma tantx tatni gost dik il-lejla ta’ “satira” kważi klassista li daret f’kompetizzjoni taċ-ċerċir.

Hawn fuq semmejt lil Guzzanti, Dandini, Rossi, Benigni, Grillo; il-ħamsa li huma tkeċċew jew twarrbu mir-RAI mal-mogħdija taż-żmien minħabba s-satira tagħhom. (Battuta ċelebri ta’ Grillo li tiġini f’rasi bħalissa hija ta’ meta Craxi mar iċ-Ċina u f’sala mimlija membri tal-partit Komunista Ċiniż, ta’ ħdejh – Martelli? minix ċertissimu – dar fuqu u qallu, “imma jekk hawn kulħadd Soċjalist, mingħand min jisirqu?”)

Lura għal Malta, iżda: x’inhi, eżattament, is-satira f’pajjiżna? Hawn lok għaliha? Il-massa verament trid lilBla Kondixin, lil Jonny l-Kajboj u lil Zoo jew qatt ma fittxet imkien ieħor? Is-satira hija perikoluża għal xi nies u gruppi? U trid bilfors tagħmel taħtek bid-daħk biex tkun satira tajba? Is-satira trid tkun bilfors imparzjali? Divorzistan u Satiristan huma inċidenti mhux mixtieqa? It-televiżjoni għandha rwol fis-satira?

Dan huwa l-ewwel artiklu minn serje qsajra dwar is-satira f’Malta u x’naħseb jien, il-Mullah, dwarha.

U issa, wasal il-ħin nagħmel naqra riċerka.

Il-Mullah temm ħidmietu f’Divorzistan u qed ikompli l-gwerra qaddisa b’Satiristan, u l-aħħar li rajnih kien fuq ritratt misjub fil-bunker ta’ Gaddafi. Dan l-artiklu nkiteb oriġinalment għal re-vu

Advertisements

4 thoughts on “Tidħkux bis-Satira (1)

  1. l-idea hemm qeda. l-ahhar paragrafu biss ma hallilix toghma tajba: nemmen li dak il mistoqsijiet kollha li saqsejt huma tipici ta l-edukazzjoni dottrinali ta dan il-pajjiz mahnuq minn awtoritajiet dittatorjali u minn bord ta ‘edukazzjoni’ monopolista u manipulatur. Fi kliem iehor huma mistoqsijiet li tipikalment jigu mistoqsija f xi karta ta l-ezami tal-MATSEC biex filwaqt li tati l-impressjoni li hemm lok ghad-dibattitu, tillimita dan l-istess dibattitu ghal analizi hafifa hafifa, ta fuq fuq. L-ghan generalment ikun dak ta Parole Si, Fatti No!

    Nipretendi mistoqsijiet aktar profondi u koncizi, sahansitra bil-wisq aktar kontroversjali. Nipretendi li bl-gherf li ghandu l-Mullah (u bl-ebda mod m’ jien inkun sarkastiku) Satiristan jkun il-Fanal f’ nofs il-maltempata Atlantika. Il-Fonti ta Dawl ghall-Gahan Malti fejn fl-ebda mument, meta il-Powerstation taqta d-dawl, hu ma jintefa. Anzi, johrog fuq il-belt u bi tbissima helwa u eccentrika, jgholli s-seba tan-nofs fid-direzzjoni tal-powerstation jghajjarha ‘mejta!’, ‘skaduta!’ u ‘oggetto non-grato’ ghax jkollu s-sors ta energija personali tieghu: is-solar.

    • Grazzi talli ktibt Kurt, ghandek bicca ragun. Madankollu fiz-zewg artikli li jmiss (li nistiednek issegwihom) ser nispjega aktar x’qed infisser, u jekk issegwi sewwa s-serje ta’ Incertament, tinnota li diga bdejna nbiddlu d-direzzjoni tax-xoghol taghna.

  2. Irridu ngħiduha kif inhi…il-Malti ma tantx tista’ tgħid li hu xi poplu kkulturat għax hu bbumbardjat konstantament mill-media maħmuġa taż-żewġ naħat. Il-Malti tih xi Johnny l-Kajboj (li fil-bidu kien tad-daħq imma issa ħlief ‘użguur’ ma tismax; u l-Peppi jimmolla ħdejh) biex jisma’ satira predictable immens. U jekk tazzarda biss tqum bil-wieqfa fis-sala ta’ Xarabank u tgħidlu f’wiċċu; ”Pawl, m’intix iddaħħaq apparti lil xi ċerċura li jkun hemm għal party u n-nonna piu!” jeħduk bħala stramb.

    Nammetti li l-paġna li nieħu ħsieb jien flimkien ma’ sieħbi (Il-Kbir San Ixelu) ftit li xejn inħossuna nikkwalifikaw bħala xi paġna satirika divina. Pjuttost xi kultant narawh bħala karattru (Is-San) redikolu u bla sens u mhux tad-daħq(u skadut); ħlief xi kultant għal xi tingiża sura. Niskanta l-iktar kif għandna kważi 12000 like; ngħid possibli l-Malti jidħaq b’paġna bħal din?

    Dan l-aħħar qed nippruvaw inbiddlu d-direzzjoni tagħna lejn waħda li iktar tattakka u tniggeż lill-popolin stess. Esperiment; li naħseb qed jirnexxi.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s