Ftit Raġunijiet Għalfejn Satiristan ser Jieqaf (Għalissa)

Did-darba mhux ser nitkellem fit-tielet persuna, hekk kif jixraq f’ċerti okkażjonijiet solenni. Naf li ħsadt lil xi wħud b’din l-aħbar u nirringrazzja lil dawk kollha li kitbu biex jifhmu għala u lil dawk li qed jinkoraġġuni nkompli.

Iżda, wasal żmien li din il-paġna tieqaf imqar għal ftit żmien, u maż-żmien kapaċi nagħżel li nagħlaqha għal kollox. Iż-żmien ser jagħti parir.

Dawn huma xi ftit ħwejjeġ dwar il-paġna li qed iwassluni biex nieħu deċiżjoni iebsa imma bżonnjuża.

  1. ImageIl-politika ddefset fis-social media wkoll. Mhux biżżejjed televiżjoni, radjijiet, billboards u x’naf jien. Qażżiżtu kull m’hawn, ħallulna ftit arja;
  2. Agħar minnhom hemm il-lagħqa tal-partiti li jużaw paġni bħal din sabiex iwasslu messaġġi mhux uffiċjali. Satiristan m’huwa sukkursal ta’ ebda partit, u dan jixhdu n-nuqqas ta’ budget u riżorsi li għandi;
  3. Diffikultà enormi sabiex jgħaddi l-messaġġ anti-politiku tagħna. Ħafna minn nies li jsegwu l-paġna jaħsbu li daħlu f’paġna politika u jippretendu li “nattakkaw” jew “nitnejku” (termini ta’ żmien il-ħaġar) lil min jidhrilhom huma: aġendi personali ta’ nies interessati mhux fis-satira, iżda fit-tkissir ta’ persuni. Hemm kemm trid fejn tkisser nies fuq l-internet. Satiristan mhu ser ikun qatt kenn għal dawn in-nies;
  4. Demotivazzjoni: kultant inħoss li din il-paġna laħqet il-limitu tagħha. Kemm bħala materjal, kemm bħala ispirazzjoni, kif ukoll ħin;
  5. L-esperiment falla: dak li hemm fuq l-internet qatt mhu ser joħroġ fit-toroq;
  6. Ma sar ebda theddid, jew bullying, fuqi minħabba l-attivitajiet tal-paġna. F’dak il-każ kont nieħu azzjoni u nippublika KOLLOX mingħajr biża’. Minkejja li nagħraf l-ironija tal-fatt li jien “mistoħbi” wara l-maskla tal-Mullah, nittama li ħadd minnkom ma jibża’ jitkellem fil-beraħ. Inkella żmien KMB ma jkun għadda xejn.
  7. Bqajt imbaħman, iddiżgustat, u ma nafx liem kelma ser naqbad nuża’, bl-attitudni ta’ xi individwi li jippretendu li, fl-2012, b’pajjiżna għarkubbtejh quddiem l-iżviluppaturi li jiffinanzjaw liż-żewġ partiti (filwaqt li fil-Parlament għaddej dibattitu-farsa fuq il-liġi tal-finanzjamenti lill-partiti,) m’għandniex nipproteġu l-ambjent għax issa żmien il-BBQ’s. Kif kien jgħid kuġin tiegħi, x’essenza ta’ injoranza! Iva qed nitkellem għad-dibattitu ridikolu li seħħ dwar jekk għandniex nipproteġu l-bajd ta’ fekruna. Intom bis-serjetà? (normalment ma nippermettix ruħi li ngħajjar lil xi ħadd injurant, iżda did-darba ser nagħmel eċċezzjoni. Min jitkaża jista’ imur ifittex kenn f’Xarabank u forom ta’ intelliġenza medjatika oħrajn)
  8. Idejquni elementi rażżisti, omofobi u faxxisti oħra li daħlu fil-paġna. Għandkom ħafna kenn fuq l-internet biex tarmu l-ħdura tagħkom, Satiristan qatt m’hu ser ikun postkom.

Inċertament ser ikompli. Matul is-sajf ser naħdem sabiex intejjeb dan il-prodott li kapaċi jibqa’ l-uniku wieħed ta’ Satiristan. Dan minħabba li blob, li fuqu huwa bbażat Inċertament, huwa mudell antik u proġett ambizzjuż li dejjem xtaqt nirreplika f’pajjiżna. Sa ċertu punt huwa aħjar nikkonċentra l-enerġija tiegħi fuq proġett wieħed.

Finalment nirringrazzja lil dawk li kienu qribna matul dan iż-żmien u ħadu interess f’Satiristan, fosthom xi ġurnalisti, nies li ħadu interess akkademiku, oħrajn li tawna pariri li maż-żmien ser jiġu utli ħafna, lil xi paġni satiriċi oħrajn, saħansitra lil nies li ħadu sehem fiżiku meta għamilna l-birthday party tagħna ftit ilu. Jiddispjaċini primarjament għal dawk li regolarment isegwu din il-paġna, imma ejja ngħiduha kif inhi, id-dinja ser tibqa’ iddur bina u mingħajrna.

Salam, għalissa, u grazzi ta’ kollox.

 

Il-Mullah
(Bniedem komuni: 2011-2012) 

Advertisements