Editorjal tal-Mullah: Elezzjonijiet 2014

Kif diġà tambarna għal żmien twil tant li qażżiżna anke lill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta, il-Mullah u l-fundaturi l-oħra ta’ din il-paġna ma vvutawx fl-elezzjoni li għaddiet. Ir-raġuni hija sempliċi: dik li suppost kienet elezzjoni biex tiddetermina min huma l-aħjar sitt rappreżentanti ta’ Malta biex jitkellmu fil-Parlament Ewropew dwar kwistjonijiet Ewropej, ġew eletti (għadhom qed jiġu eletti) wara kampanja elettorali li tkellmet esklussivament dwar kwistjonijiet lokali.

Inħossuna ridikoli quddiem il-bqija tal-kontinent nagħżlu minn fost 32 kandidat li, bl-eċċezzjoni ta’ xi tnejn, tħaddtu biss dwar kwistjonijiet inutli għall-finijiet tal-Parlament Ewropew. Fost dawn il-kwistjonijiet insibu l-meritokrazija tal-Gvern Laburista u l-famuż album tal-istickers, il-pornografija li qassam Cyrus Engerer, il-kaċċaturi li tant għandu għal qalbu Joseph Cuschieri, il-port għall-oġġetti ta’ lussu li pproponiet Helga Ellul. Rajna interess fi kwistjonijiet Ewropej minn naħa tal-Alternattiva Demokratika, li b’konsistenza diżumana reġgħu għal darb’oħra marru ħażin.

Ħa nibdew proprju mill-AD. Partit għal qalbna li huwa nieqes mill-kariżma, u li jidher li jiddejjaq iħammeġ idejh biex jilħaq lill-elettorat. M’għandniex dubju li xi ħadd bħal Arnold Cassola huwa kandidat prim li jaf kif taħdem l-UE, iżda sfortunatament l-impressjoni tagħna – u ta’ ħafna votanti – hija li l-komunikazzjoni mal-poplu mhijiex waħda mill-aħjar. Biex nirrepetu ftit l-ovvju u nantiċipaw l-erba’ partitarji tal-AD li ser iwieġbu (u dwar dawn, aktar tard) l-AD għandha żvantaġġ enormi mill-fatt li ma tingħatax biżżejjed spazju mill-Awtorità tax-Xandir. Huwa probabbli wkoll li partiti Ħodor/alternattivi oħrajn bdew bl-istess sitwazzjoni fejn jeżistu sistemi li jiffavorixxu żewġ partiti jew żewġ skjeramenti ideoloġiċi. Madankollu l-AD kellhom ċans jagħmlu pass ulterjuri f’dawn l-elezzjonijiet u m’għamluhx. Li l-poplu jiġi jitnejjek minnhom? Probabbli. Li mhumiex interessanti biżżejjed? Probabbli wkoll. Li Cassola huwa teknokratiku tajjeb ħafna iżda komunikatur fqajjar? Probabbli ħafna.

Hemm element ieħor li jdarrasna sew fl-AD, u huwa dak ta’ ċertu “partitarji” jew “intellettwali” li jaħsbu li jistgħu joffendu lill-elettorat kif ġie ġie. Spiss naqraw dibattiti fuq Facebook fejn simpatizzant jew saħansitra membru tal-AD jgħajjar lil ħaddieħor bil-kliem “inti brainwashed”, “pupazz”, “apoloġista” eċċ. Dawn in-nies ma jifhmux il-prinċipju nnifsu tad-demokrazija, u li d-dritt tal-opinjoni huwa sagrosant. Ebda opinjoni ma tiswa aktar minn oħra; u hija ironika li partit liberali jinqeda b’dawn l-istqarrijiet biex jipprova jwaqqa’ argument ta’ ħaddieħor. Speċjalment meta tant hija dgħajfa u selettiva l-komunikazzjoni tal-partit li tonqos milli tilħaq lil kulħadd. Itik li tgħidilhom, “isma’, sorry, min iż-żobb taħseb li int?”

Michael Briguglio laqat il-likk ilbieraħ meta kiteb li f’Malta hawn vojt fix-xellug ideoloġiku, u huwa hemm li l-AD tista’ timraħ iktar. Naturalment ninsabu ċerti li huma bosta dawk li jqisu s-Soċjaliżmu bħala dagħwa, inkluż fl-AD stess.

Finalment, ma kinitx sorpriża li l-AD ġabet voti daqs il-kankru iswed tal-lemin estrem.

Bilfors insemmu lil lemin estrem f’dan l-editorjal ċkejken. Inħossu li r-riżultat elettorali tal-Imperium Europa (isem tipikament Malti ta’ partit li għandu l-interessi ta’ pajjiżi tant għal qalbu, qisu tim tal-football Ingliż jismu Bayern United biex niftiehmu) ilu jinħema mill-famuża theddida tal-Prim Ministru Muscat li jibgħat lura lejn mewthom l-immigranti illegali. Ironikament, minkejja t-tħambiq kollu, Lowell u sħabu stess m’għandhomx soluzzjoni għall-immigrazzjoni – għajr il-vjolenza. Il-vjolenza diġà rajniha fis-snin li għaddiet: karozzi ta’ volontarji jinħarqu, theddid online, vandaliżmu. Il-voti li kisbu IE, f’forum demokratiku li huma ma jaqblux miegħu, jilleġittimaw dan il-klima ta’ theddid u vjolenza? Il-Gvern, il-Pulizija u l-Armata, ser ikunu viġilanti fuq dawn il-gruppi estremisti? Ikollna ngħidu li minbarra powerstation tal-gass u prezzijiet orħos, Joseph Muscat welled mostru fl-ewwel sena tiegħu fil-gvern.

Ser jiġu jgħajruna u jgħidu li aħna tradituri. Aħna tant aħna “tradituri” li ma nsegwux il-filosofija politika ta’ min faqa’ lil Malta bil-bombi fit-Tieni Gwerra Dinjija u li ma nsegwux partit b’isem Latin. U dawk il-bombi, għad-differenza tal-immigranti li jiġu bid-dgħajjes, dawk dażgur li qatlu n-nies.

U jekk proprju għandna nitkellmu dwar konsistenza, il-Partit Nazzjonalista huwa konsistentement diżappuntanti. Simon Busuttil donnu ħalla kollox kif kien minn meta ġie elett mexxej. Il-PN qed iħallas il-prezz biz-zalza mhux biss tal-kampanja amatorjali tiegħu, iżda wkoll ta’ deċiżjonijiet politiċi żbaljati, l-ikbar waħda tkun l-astensjoni dwar id-drittijiet ċivili tal-omosesswali. Il-fatt li hemm żewġ viċikapijiet li ma jaqblu kważi f’xejn huwa sintomu tal-marda li minnha qed ibati l-PN. Il-Partit kellu ċans jagħmel valutazzjoni profonda tal-iżbalji tiegħu sena ilu, iżda minflok għażel li jdawwar il-komunikazzjoni fuq il-football (karti sofor, albums eċċ) u ħasad dak li żera’. Wasal iż-żmien li l-PN jaqta’ l-ankri minn mal-leġġendi (qed nirreferu għal Eddie Fenech Adami) u jagħraf li ż-żminijiet inbidlu. Irid isib identità liberali u jieqaf jiddependi minn fuq nies li mhumiex eletti mill-poplu.

M’aħniex ser ngħidu prosit lill-Partit Laburista, anzi. Ser nibqgħu kritiċi ta’ din l-ewwel sena tiegħu fejn minbarra l-imsemmija drittijiet tal-koppji omosesswali u r-roħs fl-enerġija, rajna ħwejjeġ ta’ barra minn hawn: għandna gvern li qed jgħid li jrid ikun il-gvern ta’ kulħadd, iżda jinjora l-ambjentalisti u lil dawk li jridu Malta isbaħ għal uliedna. Il-bini għadu għaddej bl-addoċċ, il-MEPA qisha kelb kbir ħafna mingħajr snien, u minjaf kemm għad hawn stejjer ta’ ħniżrijiet ambjentali x’niskopru.

L-istess il-kaċċa: ninsabu kontriha mingħajr riżervi (kif għedna spiss) u m’aħniex komdi b’sitwazzjoni fejn il-gvern ipaxxi nies armati li jitnejku mil-liġi u minflok jarresta l-ambjentalisti. Mingħajr ma nitfgħu dan kollu f’kuntest drammatiku fejn ninsinwaw li d-demokrazija hija mhedda, għandna dubji serji dwar l-operat tal-pulizija f’dawn il-każijiet u jekk hux verament qegħdin jaqdu dmirijiethom lejn il-liġijiet u l-poplu.

Imbagħad, il-famużi pushbacks, dnub li mhu ser naħfru qatt – speċjalment għax inħossu li l-arja ssir maż-żgħir u mhux mal-kbir. Brussell ma tantx biel taħtu dakinhar.

Din ilna biex ngħiduha wkoll: idejjaqna d-diskors ta’ min jibqa’ jinsisti li l-poplu Malti huwa “Ġaħan”. Rajna dan it-tlablib minn paġni oħra u qatt mhu ser nippermettu ruħna noffendu lil ħaddieħor “injorant” għax jivvota kif ifettillu.

Satiristan ser tibqa’ paġna li tagħmel satira, satira b’ispirazzjoni xellugija (jiġifieri, mhux Laburista, hemm baħar jaqsam) li ma żżomx lura milli tattakka lil min ikun ħaqqu. Ser nibqgħu attenti għal dak li qed jiġri, eżattament kif wgħedna sena ilu.

Saħħiet.

Advertisements

2 thoughts on “Editorjal tal-Mullah: Elezzjonijiet 2014

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s