Editorjal tal-Mullah: Elezzjonijiet 2014

Kif diġà tambarna għal żmien twil tant li qażżiżna anke lill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta, il-Mullah u l-fundaturi l-oħra ta’ din il-paġna ma vvutawx fl-elezzjoni li għaddiet. Ir-raġuni hija sempliċi: dik li suppost kienet elezzjoni biex tiddetermina min huma l-aħjar sitt rappreżentanti ta’ Malta biex jitkellmu fil-Parlament Ewropew dwar kwistjonijiet Ewropej, ġew eletti (għadhom qed jiġu eletti) wara kampanja elettorali li tkellmet esklussivament dwar kwistjonijiet lokali.

Inħossuna ridikoli quddiem il-bqija tal-kontinent nagħżlu minn fost 32 kandidat li, bl-eċċezzjoni ta’ xi tnejn, tħaddtu biss dwar kwistjonijiet inutli għall-finijiet tal-Parlament Ewropew. Fost dawn il-kwistjonijiet insibu l-meritokrazija tal-Gvern Laburista u l-famuż album tal-istickers, il-pornografija li qassam Cyrus Engerer, il-kaċċaturi li tant għandu għal qalbu Joseph Cuschieri, il-port għall-oġġetti ta’ lussu li pproponiet Helga Ellul. Rajna interess fi kwistjonijiet Ewropej minn naħa tal-Alternattiva Demokratika, li b’konsistenza diżumana reġgħu għal darb’oħra marru ħażin.

Ħa nibdew proprju mill-AD. Partit għal qalbna li huwa nieqes mill-kariżma, u li jidher li jiddejjaq iħammeġ idejh biex jilħaq lill-elettorat. M’għandniex dubju li xi ħadd bħal Arnold Cassola huwa kandidat prim li jaf kif taħdem l-UE, iżda sfortunatament l-impressjoni tagħna – u ta’ ħafna votanti – hija li l-komunikazzjoni mal-poplu mhijiex waħda mill-aħjar. Biex nirrepetu ftit l-ovvju u nantiċipaw l-erba’ partitarji tal-AD li ser iwieġbu (u dwar dawn, aktar tard) l-AD għandha żvantaġġ enormi mill-fatt li ma tingħatax biżżejjed spazju mill-Awtorità tax-Xandir. Huwa probabbli wkoll li partiti Ħodor/alternattivi oħrajn bdew bl-istess sitwazzjoni fejn jeżistu sistemi li jiffavorixxu żewġ partiti jew żewġ skjeramenti ideoloġiċi. Madankollu l-AD kellhom ċans jagħmlu pass ulterjuri f’dawn l-elezzjonijiet u m’għamluhx. Li l-poplu jiġi jitnejjek minnhom? Probabbli. Li mhumiex interessanti biżżejjed? Probabbli wkoll. Li Cassola huwa teknokratiku tajjeb ħafna iżda komunikatur fqajjar? Probabbli ħafna.

Hemm element ieħor li jdarrasna sew fl-AD, u huwa dak ta’ ċertu “partitarji” jew “intellettwali” li jaħsbu li jistgħu joffendu lill-elettorat kif ġie ġie. Spiss naqraw dibattiti fuq Facebook fejn simpatizzant jew saħansitra membru tal-AD jgħajjar lil ħaddieħor bil-kliem “inti brainwashed”, “pupazz”, “apoloġista” eċċ. Dawn in-nies ma jifhmux il-prinċipju nnifsu tad-demokrazija, u li d-dritt tal-opinjoni huwa sagrosant. Ebda opinjoni ma tiswa aktar minn oħra; u hija ironika li partit liberali jinqeda b’dawn l-istqarrijiet biex jipprova jwaqqa’ argument ta’ ħaddieħor. Speċjalment meta tant hija dgħajfa u selettiva l-komunikazzjoni tal-partit li tonqos milli tilħaq lil kulħadd. Itik li tgħidilhom, “isma’, sorry, min iż-żobb taħseb li int?”

Michael Briguglio laqat il-likk ilbieraħ meta kiteb li f’Malta hawn vojt fix-xellug ideoloġiku, u huwa hemm li l-AD tista’ timraħ iktar. Naturalment ninsabu ċerti li huma bosta dawk li jqisu s-Soċjaliżmu bħala dagħwa, inkluż fl-AD stess.

Finalment, ma kinitx sorpriża li l-AD ġabet voti daqs il-kankru iswed tal-lemin estrem.

Bilfors insemmu lil lemin estrem f’dan l-editorjal ċkejken. Inħossu li r-riżultat elettorali tal-Imperium Europa (isem tipikament Malti ta’ partit li għandu l-interessi ta’ pajjiżi tant għal qalbu, qisu tim tal-football Ingliż jismu Bayern United biex niftiehmu) ilu jinħema mill-famuża theddida tal-Prim Ministru Muscat li jibgħat lura lejn mewthom l-immigranti illegali. Ironikament, minkejja t-tħambiq kollu, Lowell u sħabu stess m’għandhomx soluzzjoni għall-immigrazzjoni – għajr il-vjolenza. Il-vjolenza diġà rajniha fis-snin li għaddiet: karozzi ta’ volontarji jinħarqu, theddid online, vandaliżmu. Il-voti li kisbu IE, f’forum demokratiku li huma ma jaqblux miegħu, jilleġittimaw dan il-klima ta’ theddid u vjolenza? Il-Gvern, il-Pulizija u l-Armata, ser ikunu viġilanti fuq dawn il-gruppi estremisti? Ikollna ngħidu li minbarra powerstation tal-gass u prezzijiet orħos, Joseph Muscat welled mostru fl-ewwel sena tiegħu fil-gvern.

Ser jiġu jgħajruna u jgħidu li aħna tradituri. Aħna tant aħna “tradituri” li ma nsegwux il-filosofija politika ta’ min faqa’ lil Malta bil-bombi fit-Tieni Gwerra Dinjija u li ma nsegwux partit b’isem Latin. U dawk il-bombi, għad-differenza tal-immigranti li jiġu bid-dgħajjes, dawk dażgur li qatlu n-nies.

U jekk proprju għandna nitkellmu dwar konsistenza, il-Partit Nazzjonalista huwa konsistentement diżappuntanti. Simon Busuttil donnu ħalla kollox kif kien minn meta ġie elett mexxej. Il-PN qed iħallas il-prezz biz-zalza mhux biss tal-kampanja amatorjali tiegħu, iżda wkoll ta’ deċiżjonijiet politiċi żbaljati, l-ikbar waħda tkun l-astensjoni dwar id-drittijiet ċivili tal-omosesswali. Il-fatt li hemm żewġ viċikapijiet li ma jaqblu kważi f’xejn huwa sintomu tal-marda li minnha qed ibati l-PN. Il-Partit kellu ċans jagħmel valutazzjoni profonda tal-iżbalji tiegħu sena ilu, iżda minflok għażel li jdawwar il-komunikazzjoni fuq il-football (karti sofor, albums eċċ) u ħasad dak li żera’. Wasal iż-żmien li l-PN jaqta’ l-ankri minn mal-leġġendi (qed nirreferu għal Eddie Fenech Adami) u jagħraf li ż-żminijiet inbidlu. Irid isib identità liberali u jieqaf jiddependi minn fuq nies li mhumiex eletti mill-poplu.

M’aħniex ser ngħidu prosit lill-Partit Laburista, anzi. Ser nibqgħu kritiċi ta’ din l-ewwel sena tiegħu fejn minbarra l-imsemmija drittijiet tal-koppji omosesswali u r-roħs fl-enerġija, rajna ħwejjeġ ta’ barra minn hawn: għandna gvern li qed jgħid li jrid ikun il-gvern ta’ kulħadd, iżda jinjora l-ambjentalisti u lil dawk li jridu Malta isbaħ għal uliedna. Il-bini għadu għaddej bl-addoċċ, il-MEPA qisha kelb kbir ħafna mingħajr snien, u minjaf kemm għad hawn stejjer ta’ ħniżrijiet ambjentali x’niskopru.

L-istess il-kaċċa: ninsabu kontriha mingħajr riżervi (kif għedna spiss) u m’aħniex komdi b’sitwazzjoni fejn il-gvern ipaxxi nies armati li jitnejku mil-liġi u minflok jarresta l-ambjentalisti. Mingħajr ma nitfgħu dan kollu f’kuntest drammatiku fejn ninsinwaw li d-demokrazija hija mhedda, għandna dubji serji dwar l-operat tal-pulizija f’dawn il-każijiet u jekk hux verament qegħdin jaqdu dmirijiethom lejn il-liġijiet u l-poplu.

Imbagħad, il-famużi pushbacks, dnub li mhu ser naħfru qatt – speċjalment għax inħossu li l-arja ssir maż-żgħir u mhux mal-kbir. Brussell ma tantx biel taħtu dakinhar.

Din ilna biex ngħiduha wkoll: idejjaqna d-diskors ta’ min jibqa’ jinsisti li l-poplu Malti huwa “Ġaħan”. Rajna dan it-tlablib minn paġni oħra u qatt mhu ser nippermettu ruħna noffendu lil ħaddieħor “injorant” għax jivvota kif ifettillu.

Satiristan ser tibqa’ paġna li tagħmel satira, satira b’ispirazzjoni xellugija (jiġifieri, mhux Laburista, hemm baħar jaqsam) li ma żżomx lura milli tattakka lil min ikun ħaqqu. Ser nibqgħu attenti għal dak li qed jiġri, eżattament kif wgħedna sena ilu.

Saħħiet.

Advertisements

Ftit Raġunijiet Għalfejn Satiristan ser Jieqaf (Għalissa)

Did-darba mhux ser nitkellem fit-tielet persuna, hekk kif jixraq f’ċerti okkażjonijiet solenni. Naf li ħsadt lil xi wħud b’din l-aħbar u nirringrazzja lil dawk kollha li kitbu biex jifhmu għala u lil dawk li qed jinkoraġġuni nkompli.

Iżda, wasal żmien li din il-paġna tieqaf imqar għal ftit żmien, u maż-żmien kapaċi nagħżel li nagħlaqha għal kollox. Iż-żmien ser jagħti parir.

Dawn huma xi ftit ħwejjeġ dwar il-paġna li qed iwassluni biex nieħu deċiżjoni iebsa imma bżonnjuża.

  1. ImageIl-politika ddefset fis-social media wkoll. Mhux biżżejjed televiżjoni, radjijiet, billboards u x’naf jien. Qażżiżtu kull m’hawn, ħallulna ftit arja;
  2. Agħar minnhom hemm il-lagħqa tal-partiti li jużaw paġni bħal din sabiex iwasslu messaġġi mhux uffiċjali. Satiristan m’huwa sukkursal ta’ ebda partit, u dan jixhdu n-nuqqas ta’ budget u riżorsi li għandi;
  3. Diffikultà enormi sabiex jgħaddi l-messaġġ anti-politiku tagħna. Ħafna minn nies li jsegwu l-paġna jaħsbu li daħlu f’paġna politika u jippretendu li “nattakkaw” jew “nitnejku” (termini ta’ żmien il-ħaġar) lil min jidhrilhom huma: aġendi personali ta’ nies interessati mhux fis-satira, iżda fit-tkissir ta’ persuni. Hemm kemm trid fejn tkisser nies fuq l-internet. Satiristan mhu ser ikun qatt kenn għal dawn in-nies;
  4. Demotivazzjoni: kultant inħoss li din il-paġna laħqet il-limitu tagħha. Kemm bħala materjal, kemm bħala ispirazzjoni, kif ukoll ħin;
  5. L-esperiment falla: dak li hemm fuq l-internet qatt mhu ser joħroġ fit-toroq;
  6. Ma sar ebda theddid, jew bullying, fuqi minħabba l-attivitajiet tal-paġna. F’dak il-każ kont nieħu azzjoni u nippublika KOLLOX mingħajr biża’. Minkejja li nagħraf l-ironija tal-fatt li jien “mistoħbi” wara l-maskla tal-Mullah, nittama li ħadd minnkom ma jibża’ jitkellem fil-beraħ. Inkella żmien KMB ma jkun għadda xejn.
  7. Bqajt imbaħman, iddiżgustat, u ma nafx liem kelma ser naqbad nuża’, bl-attitudni ta’ xi individwi li jippretendu li, fl-2012, b’pajjiżna għarkubbtejh quddiem l-iżviluppaturi li jiffinanzjaw liż-żewġ partiti (filwaqt li fil-Parlament għaddej dibattitu-farsa fuq il-liġi tal-finanzjamenti lill-partiti,) m’għandniex nipproteġu l-ambjent għax issa żmien il-BBQ’s. Kif kien jgħid kuġin tiegħi, x’essenza ta’ injoranza! Iva qed nitkellem għad-dibattitu ridikolu li seħħ dwar jekk għandniex nipproteġu l-bajd ta’ fekruna. Intom bis-serjetà? (normalment ma nippermettix ruħi li ngħajjar lil xi ħadd injurant, iżda did-darba ser nagħmel eċċezzjoni. Min jitkaża jista’ imur ifittex kenn f’Xarabank u forom ta’ intelliġenza medjatika oħrajn)
  8. Idejquni elementi rażżisti, omofobi u faxxisti oħra li daħlu fil-paġna. Għandkom ħafna kenn fuq l-internet biex tarmu l-ħdura tagħkom, Satiristan qatt m’hu ser ikun postkom.

Inċertament ser ikompli. Matul is-sajf ser naħdem sabiex intejjeb dan il-prodott li kapaċi jibqa’ l-uniku wieħed ta’ Satiristan. Dan minħabba li blob, li fuqu huwa bbażat Inċertament, huwa mudell antik u proġett ambizzjuż li dejjem xtaqt nirreplika f’pajjiżna. Sa ċertu punt huwa aħjar nikkonċentra l-enerġija tiegħi fuq proġett wieħed.

Finalment nirringrazzja lil dawk li kienu qribna matul dan iż-żmien u ħadu interess f’Satiristan, fosthom xi ġurnalisti, nies li ħadu interess akkademiku, oħrajn li tawna pariri li maż-żmien ser jiġu utli ħafna, lil xi paġni satiriċi oħrajn, saħansitra lil nies li ħadu sehem fiżiku meta għamilna l-birthday party tagħna ftit ilu. Jiddispjaċini primarjament għal dawk li regolarment isegwu din il-paġna, imma ejja ngħiduha kif inhi, id-dinja ser tibqa’ iddur bina u mingħajrna.

Salam, għalissa, u grazzi ta’ kollox.

 

Il-Mullah
(Bniedem komuni: 2011-2012) 

Il-Mullah: Prime Minister for a Day

Nhar il-Ħamis ser nagħmlu “Be Mullah for a Day” fejn nilqgħu s-suġġerimenti tagħkom għal satira aħjar.

Issa, kieku l-Mullah ikun Prim Minstru għal ġurnata:

0800 – Breakfast, gażżetti, aħbarijiet sportivi, crossword
0900 – Meeting mal-Prim Ministru, dak ta’ veru
0901 – Inxolju l-Parlament
1000 – Inxolju ż-żewġ partiti
1030 – Noħorġu l-armata tikkalma folla ta’ 69 diżokkupat li qed tagħmel għaġeb għax mhux ser ipoġġu fil-parlament il-ġdid
1100 – Inwaqqfu l-proġett tal-Parlament il-Ġdid, li minflok ser isir spazju għall-pubbliku
1130 – Issa li m’hawnx l-isqof Vassallo, ngħaddu l-liġi tal-IVF
1200 – Naraw biċċa Claudette Pace?
1205 – Xbajna diġa minn Claudette Pace, tlaqna meeting mal-President
1230 – Il-President mhux hawn, reġa mar il-Peru għax nesa l-kartiera
1300 – Lunch ħafif: Ħobża bajd u laħam mill-Buckman’s
1400 – Lura għax-xogħol: inwaqqfu kolp ta’ stat
1430 – Nikkreaw għaqdiet ċivili li jistgħu joħorġu għall-elezzjoni u b’daqqa ta’ ġenju nwaqqfu kwalsiasi ex-politiku milli joħroġ għall-elezzjoni
1500 – Għadha għaddejja Claudette Pace? Riforma tax-xandir. Ikollna liġi li tgħid li jridu bilfors jixxandru 240 siegħa fis-sena ta’ dokumentarji fuq ix-xandir nazzjonali
1600 – Laqgħa ma’ Peppi Azzopardi
1605 – Għadu ma ġiex
1615 – Il-Kelma Eurovision tiġi ddikjarata illegali
1630 – Coffee break u crossword
1700 – Riforma tal-ġustizzja, fejn l-avukati kriminali jkollhom jieħdu eżami fl-etika
1730 – Naraw ir-riżultati tat-test… iii xi ħadd ġab 100!
1800 – Lura d-dar, naraw x’qalu l-ġurnali online u nċemplu lit-Times, nagħmlulhom pressure sabiex jikkoreġu l-iżbalji.
1900 – Ħin l-ikel: ravjul tal-matermullah.
2000 – Bim Bum Bam
2030 – Narrestaw lil xi ħadd għall-bużż.
2045 – Nippreparaw għar-raqda: f’ħafna nofsiegħat għamilna parti minn dak kollu li hemm bżonn biex intejbu lil pajjiżna.
2343 – Il-Mullah jistenbaħ maħsud: fejn ħallejtu msakkar lill-Prim Ministru?

Tidħkux bis-Satira (3)

“Ħaħaħaħaħa. Haħħħħaħħħaħa (jixraq) aħħaħħ (xerqa oħra, itir xi bżieq). Jiġifieri inti Divorzistan?” Il-filosofu beda jġib ruħu donnu skopra l-Amerka. Dak il-ħin ridt ngħidlu ‘Jien il-Mullah ma jkollokx Mullah ieħor għajri’ jew xi waħda minn dawn l-istqarrijiet li min isegwi Satiristan issa dara sew. Continue reading

Tidħkux bis-Satira (2)

M’ilux ġie fuqi bniedem li qatt ma kont kellimtu qabel ħlief għal xi ħmerija żgħira dwar it-Tottenham tiegħu. Dan sieħbi, insomma, qed jagħmel ftit ta’ inkjesta mhux uffiċjali dwar kif, fi żmien Divorżistan, konna kkrejajna s-satira, bħala oppożizzjoni għall-messaġġi ta’ terrur li l-Knisja bdiet twaddab lill-massa waqt il-kampanja tar-referendum għad-divorzju. Continue reading

Tidħkux bis-Satira (1)

Sena ilu kont fl-udjenza għall-aħħar serata ta’ Bla Kondixin. Biex inkun onest magħkom ilkoll, mort biex nagħmel korteżija lil min għamilli korteżija u tani biljett. Din tal-korteżija tgħidx kemm rajtha mażżra. Xebbahtha ma’ kanna oħra li ninzerta spiss, it-tiġijiet. Trid tonfoq biljett għal min qed jakkumpanjak u trid tixtri xi ħaġa biex titrejjaq. Trid tpoġġi fejn jitfgħuk. Trid iċċapċap biex ma jeħdukx bi stramb jew b’Nazzjonalist (ġej għal dan il-punt dalwaqt) u trid tagħti l-prosit lil min tak il-biljett. Għax korteżija. Continue reading

Nhar il-Ħadd j…

Nhar il-Ħadd jagħlaq il-McDonalds tal-Belt: iż-żewġ partiti politiċi jħassru l-attivitajiet tagħhom u jiddikjaraw ġurnata luttu. Jingħad li nhar it-Tnejn filgħodu xi membri parlamentari ser jgħinu l-istaff tal-McDonalds fil-ġarr ta’ dak kollu li għad fadal.